(L-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own tal-Birgu)
(agħfas fuq l-istampi biex tarahom ikbar)
L-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own tal-Birgu taf il-bidu tagħha fis-sena 1891 meta għadd ta’ rġiel u żgħażagħ li kienu jiffrekwentaw il-knisja tal-Lunzjata ddeċidew li bħal bliet u rħula oħra jkollhom il-banda tagħhom sabiex ikabbru l-festa tal-Patrijarka San Duminku ta’ Guzman li kienet tiġi ċċelebrata fl-istess knisja. B’danakollu dan ma jfissirx li dawn ma kinux imseħbin f’xi għaqda, għaliex nafu li minn ħafna żmien qabel is-soċjetà La Stella kienet diġà teżisti u kienet tħaddan kemm orkestra mandolinistika kif ukoll sezzjoni filarmonika li kellha l-każin tagħha fi Strada Dietro il Convento.
|
Din il-ħolma saret realtà meta tqabbad is-surmast Lorenzo Grima mlaqqam Lanżitu u li kellu esperjenza u kapaċità f’dan il-qasam billi kien diġà organizza baned oħra. B’hekk, dan is-surmast mill-Birgu jista’ jitqies bħala l-fundatur u l-ewwel surmast ta’ din il-banda.
L-ewwel laqgħa ġenerali tal-Għaqda għas-soċji u l-bandisti saret il-ħadd, 18 ta’ Ottubru 1891 sabiex inħatar il-kumitat fejn it-Tabib Ġann Feli` Inglot inħatar l-ewwel President. F’din il-laqħga unanimament ġie deċiz li din l-Għaqda għandha tkun magħrufa bl-isem ta’ Għaqda Filarmonika Vittoriosa, li d-data tat-twaqqif tag]ha tkun is-27 ta’ Settembru 1891 u li bħala bandiera jkollha dik ta’ l-stess Belt Vittoriosa: fuq sfond aħmar bl-arma tal-Birgu f’nofsha kif tixhdu nota li tgħid: “Krejna dar kbira, ħloqna l-Banda Vittoriosa u fuq il-bejt ittellgħet il-bandiera tal-Birgu”.
|
L-ewwel darba li l-banda dehret fil-pubbliku kien fit-28 ta’ April 1892, fi żmien seba’ xhur biss. Wara, fis-17 u t-18 ta’ Settembru ħadet sehem għall-ewwel darba fil-festa tal-Patrijarka San Duminku fil-Birgu. Dan kien l-iskop ewlieni sa mill-bidu, li l-banda tieħu sehem f’din il-festa.
Bosta membri kellhom ġibdiet tradizzjonali ma’ dak kollu li kellu x’jaqsam ma’ l-Imperu Ingliż. Dan tnissel minħabba li ħafna membri tagħna kienu ħaddiema fit-tarzna u oħrajn fuq frejgati navali. Għalhekk, intweriet ix-xewqa li l-Għaqda tibdel isimha minn Vittoriosa għal dak ta’ Duke of York Own u li bħala patrun ikollha lil Ġorġ Duka ta’ York, li kien in-neputi tar-Reġina Vittoria. Għal dan l-iskop f’laqgħa ġenerali tat-22 ta’ Frar 1895 saret talba lill-Altezza Rjali Tiegħu d-Duka ta’ York fejn intalab jonora lill-Għaqda u tibda tissejjaħ Duke of York Own. It-Tweġiba għal din it-talba waslet fit-8 ta’ Mejju 1895 fejn id-Duka għoġbu bl-akbar pjaċir jonora l-Għaqda li tibda ġġib l-isem ta’ Duke of York Own. L-ewwel darba li l-Banda daqqet taħt dan l-isem kien f’żewġ programmi li esegwiet f’Ħaż-Żabbar fit-18 u d-19 ta’ April 1895, fil-festa tad-Duttrina u kienet mmexxija minn Mro. Alfred Hare.
Fl-1897 zdiedu s-servizzi u l-Banda tant bdiet tiġi mfittxija li nħass il-bżonn li jinħatar surmast stranġier. Il-ħatra waqgħet fuq il-Kavallier Professur Raffaele Ricci.
|
Hekk kienet wada minn tal-bidu, fost baned Maltin li taħtar surmast stranġier. L-ewwel programm taħt dan id-direttur sar il-Ħadd, 5 ta’ Settembru 1897 fir-Raħal Ġdid għall-festa ta’ Sant’Ubaldeska.
Fl-1901 kellhom iŻuru Malta d-Duka u d-Dukessa ta’ Cornwall u York fi triqthom lejn l-Awstralja, u l-Għaqda ma naqsitx li tieħu l-inizjattiva u tħejji għal din il-miġja f’pajjiżna tal-Patrun distint tagħha. Għalhekk ħatru bħala president onorarju lil Sir Gerald Strickland, li dak iż-żmien kien Chief Secretary. Dan sar fit-22 ta’ Frar 1901. Fit-18 ta’ Marzu ta’ l-istess sena, l-Għaqda ġiet ippreżentata uffiċjalment biż-żewġ standardi ġodda, wieħed ta’ l-istess Duka u l-ieħor dak Irjali f’`erimonja fil-bitħa tal-Palazz mill-Gvernatur, il-Ġeneral Lord Grenfell of Kilvey f’isem l-istess Duka. Għal din l-okkażjoni żżanżnet ukoll uniformi ġdida.
|
Id-Duka u d-Dukessa ta’ York waslu Malta fil-25 ta’ Marzu 1901 fuq il-jott irjali HMS OPHIR. Għall-wasla tagħhom l-Għaqda kienet il-protagonista fejn ingħatat l-unuri kollha. Għal din l-okkażjoni l-Banda bl-uniformi ġdida, flimkien mal-kumitat ġew stazzjonati d-dwana taħt ark dekorat bil-fjuri. Mal-wasla tad-Duka, il-Banda sellmitilhom bid-daqq tal-God Save the King. Wara li spezzjona l-Banda u feraħ lill-President Dr. Ġann Feliċ Inglott għall-eleganza u l-kapaċità mużikali tal-Banda tiegħu kif sejħilha hu, is-Surmast Direttur, il-Kavallier Professur Raffaele Ricci ppreżenta lid-Duka kompożizzjoni tiegħu stess miktuba għall-okkażjoni bl-isem ta’ Souvenir de Malte. Waqt il-pranzu li sar fil-palazz f’nofsinhar, il-Banda daqqet programm mużikali f’Misraħ San Ġorġ, filwaqt li filgħaxija flimkien mal-Banda La Valette daqqet programm ieħor differenti. Jumejn wara fis-17 ta’ Marzu, sar riċeviment fuq l-HMS OPHIR li għalih kien mistieden il-Viċi President is-Sur Tonin Bezzina, ħabib kbir ta’ l-istess Duka.
Bil-mewt tar-Reġina Vittoria li ġrat fit-23 ta’ Jannar 1901, binha Edward, il-Prinċep ta’ Wales laħaq Re, u ibnu Ġorġ Duka ta’ York ħa t-titlu ta’ Prinċep ta’ Wales u werriet tat-tron Ingliż. Ġara li l-Banda Prince of Wales Own tal-Belt talbet il-permess lill-istes Re biex iġġib ismu u tibda tissejjaħ King’s Own. Dan ingħata fl-4 ta’ Marzu 1901.
Sadanittant, il-Kumitat tal-Għaqda Filarmonika Duke of York Own ħass id-dmir li issa li d-Duka ta’ York kien laħaq Prinċep ta’ Wales, hu kellu jitlob lill-istess Prinċep l-approvazzjoni tiegħu biex l-Għaqda ġġib ismu. It-talba saret fl-10 ta’ Novembru 1901. Il-Prinċep ikkonferma b’telegramm l-għada fejn hu ġedded ix-xewqat sbieħ lill-Għaqda u approva li din tibda tissejjaħ Prince of Wales Own.
Fis-sena ta’ wara, fl-1902 in-numru ta’ membri u allievi tant kiber li nħasset il-ħtieġa ta’ każin akbar u aktar ċentrali. Għalhekk inkriet dar akbar f’21 Strada Dirimpetto del Convento, (illum Triq il-Kunsill Popolari). L-inawgurazzjoni ta’ dan il-każin saret fit-22 ta’ Novembru 1902 mill-President Onorarju l-Ammiral Lacon Hammet. Għal din l-okkażjoni ħadu sehem kemm il-Banda kif ukoll l-Orkestra Mandolinistika ta’ l-istess Għaqda.
Fis-16 ta’ April 1903, wasal Malta r-Re Dwardu VII biex iqiegħed l-ewwel ġebla tal-brejkwater fl-20 ta’ April. L-unur għal din l-okkażjoni mess lill-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own. L-għada, 21 ta’ April il-Banda ħadet sehem f’fiera u Garden Party li sar l-Argotti tal-Furjana b’risq l-isptar Blue Sisters.
Fis-26 ta’ Di`embru 1903 saret ċerimonja fi Pjazza Santa Margarita fejn il-Gvernatur, Sir Charles Mansfield Clarke, f’isem il-Prinċep ta’ Wales, ippreżenta standard ġdid, bl-emblema ta’ l-istess Prinċep, lill-President Dr. Ġann Feliċ Inglott.
Fis-sena 1910 il-Prinċep Ġorġ laħaq Re u ibnu Dwardu wiret it-titlu ta’ Prinċep ta’ Wales. Għalhekk fit-28 ta’ Ġunju 1910 l-Għaqda bagħtet tfraħ kemm lir-Re kif ukoll lill-Prinċep. Fit-3 ta’ Awissu r-Re f’ismu u f’isem ibnu rringrazzja lill-Għaqda għax-xewqat sbieħ tagħha u reġa’ kkonferma li l-Għaqda tibqa’ ġġib l-isem onorat tiegħu, isem li hu stess taha fl-1901.
Fl-1919 l-Għaqda rnexxielha takkwista dar kbira fi Triq il-Mina l-Kbira jew kif inhi magħrufa Triq il-Lunzjata, it-triq prinċipali tal-Birgu. Fl-14 ta’ Lulju 1919 l-Għaqda ħarrbet il-mewt tal-President tagħha Dr. Ġann Feliċ Inglott. F’postu bħala President inħatar l-Avukat Serafin Vella.
Fl-1 ta’ Novembru 1921 wasal Malta fuq l-HMS RENOWN, Dwardu, il-Prinċep ta’ Wales. F’din l-okkażjoni kienet l-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own tal-Birgu li laqgħetu d-dwana u li daqqet waqt il-pranzu statali fi Pjazza San Ġorġ, (illum Misraħ il-Palazz). L-għada l-Prinċep li kien akkumpanjat minn ħuh il-Prinċep Ġorġ, Duka ta’ York, u mill-Prinċep tal-Belġju, ippreżenta l-istandard personali tiegħu lill-President, l-Avukat Serafin Vella. Fi tmiem din iċ-ċerimonja, il-Banda fuq quddiem mexxiet lil 500 ex-servicemen mill-pjazza, tul Triq Irjali sa Triq San Kristofru biex intemmet din iċ-ċerimonja importanti.
Fl-1938 inħatar bħala President il-Prokuratur Legali Edward Axiaq Mifsud. F’din is-sena wkoll id-direzzjoni tal-Banda għaddiet f’idejn is-Surmast Vincenzo Ciappara. F’Awissu ta’ l-1939 saret l-aħħar laqgħa tal-Kumitat. Dan iddeċieda li minħabba li kienet se tfaqqa’ l-Gwerra, kellhom iwaqqfu kull attività. Kien fis-17 ta’ Jannar 1941 meta bomba folja bdiet tinqaleb u ħafna bdew jirritornaw lejn darhom, grupp ta’ membri qalbiena ltaqgħu u ffurmaw Kumitat biex jibdew il-preparazzjonijiet għall-bini mill-ġdid tal-Każin. L-ewwel programm li l-Banda daqqet wara l-Gwerra kien marċ li sar fil- Birgu fis-6 ta’ Ġunju 1948.
Fis-7 ta’ Frar 1954, il-President Axiaq Mifsud irriżenja minħabba l-età. Floku nħatar it-Tabib Joseph Saliba li baqa’ f’din il-kariga sakemm irriżenja f’Mejju 1997, li floku bħala Aġent President inħatar is-Sur Emanuel Busuttil Dougall. L-istess Prokuratur Legali Axiaq Mifsud inħatar President Onorarju.
F’din is-sena 1954, żaret Malta r-Reġina Eliżabetta ll. Il-Banda reġa’ messha l-unur li ssellmilha l-ewwel waħda mill-Ponta ta’ Sant’Anġlu kemm fil-wasla kif ukoll fit-tluq. Fis-sena 1975, Mro. Vincenzo Ciappara rtira minħabba raġuni ta’ saħħa u età. Floku nħatar l-Assistent tiegħu Mro. Emanuel Costantino, kolonna tal-Għaqda li dam iservi sa l-1980 meta, għal raġuni ta’ saħħa wkoll kellu ħħalli l-kariga, u fl-24 ta’ Marzu 1980, inħatar Mro. John J. Pace.
Fis-sena 1981 ħabat id-90 anniversarju mit-twaqqif ta’ l-Għaqda u dan ġie ċċelebrat b’Kunċert Mużikali mill-Banda fil-Knisja tal-Lunzjata. Wara, il-President ta’ Malta l-E.T. Dr. Anton Buttigieg kixef żewġ irħamiet kommemorattivi. Fl-1989 l-Għaqda ħatret lil Assistent Surmast Emanuel Spagnol bħala Surmast Direttur u li għadu jokkupa din il-kariga sa llum.
L-1991 kienet is-sena ċentinarja mit-twaqqif tal-Għaqda. Għal din l-okkażjoni saru festi kbar fosthom Kunċert Vokali u Strumentali fil-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta l-E.T. Dr. Ċensu Tabone u wara sar it-tikxif tal-Monument Kommemorattiv tar-irħam fil-Każin tal-banda kif ukoll riċeviment għall-mistednin preżenti. It-tnejn ta’ wara saret Quddiesa Konċelebrata ta’ radd il-ħajr fil-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata. Wara proċesjonalment kullħadd mill-Knisja għall-Kunvent fejn minn hemm tġaret l-istatwa ta’ San Duminku ta’ l-Lecce minn fejn twasslet sal-Każin fejn ġiet iregalata mill-Komunita’ lill Kumitat tal-Każin, fejn tpoġet f’niċċa preparata apposta. Wara sar ir-reċiviment tal-Festa ta’ San Dumniku.
Fid-29 ta’ Mejju 1992 ir-Reġina Eliżabetta ll kienet għal żjara f’Malta. L-Għaqda kellha l-unur li ġiet mistiedna tiltaqa’ mar-Reġina fis-Sagra Infermerija l-Belt Valletta.
Matul iż-żjara ta’ tlett ijiem f’Malta, nhar is-Sibt, 26 ta’ Mejju 1990, il-Q.T. l-Papa Ġwanni Pawlu ll kellu laqgħa mal-ħaddiema fil-Kottonera. Għal din l-okkażjoni żżejnet il-faċċata tal-Każin u tħejja programm mill-Banda quddiem l-istess Każin biex tingħatalu merħba huwa u għaddej minn quddiemu.
Nhar is-Sibt, l-1 ta’ Ottubru 1994 l-Għaqda ċċelebrat l-erbgħin sena mill-Presidenza tat-Tabib Chev. Joseph Saliba b’lejla mużiko-letterarja fil-Knisja tal-Lunzjata tal-Birgu, taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta, l-E.T. Dott. Ugo Mifsud Bonnici. Mill-Knisja l-mistednin imxew lejn il-Każin fejn il-President Dr. Joseph Saliba kixef irħama kommemorattiva ta’ l-okkażjoni.
Il-Banda ħadet sehem fil-Festival taż-żgħażagħ fis-sala tal-Junior Lyceum Dun Ġużepp Zammit il-Ħamrun nhar il-Ħadd, 23 ta’ Frar 1997, li kien organizzat mill-Għaqda Każini tal-Banda.
l-Ħadd, 7 ta’ Settembru 1997 kien Jum il-Birgu. Għall-ewwel darba, il-Banda tagħna għamlet marċ flimkien mal-Banda San Lawrenz mat-toroq tal-Birgu bħala banda waħda.
Il-Ħadd, 5 ta’ Ottubru 1997, il-Banda tagħna għall-ewwel darba fl-istorja tagħha u tal-Birgu ħadet sehem fi programm kolossali fuq il-planċier f’Misraħ ir-Rebħa fil-gran final fl-okkażjoni tal-Birgufest ’97.
Il-Ħadd, 30 ta’ Novembru 1997, il-Banda tagħna ħadet sehem f’kunċert fenominali ft-Teatru Manoel il-Belt, li kien organizzat mill-Għaqda Każini tal-Banda fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Ċeċilja u f’għeluq il-ħamsin sena mill-istess Għaqda, li kien taħt il-patronċinju tal-President tar-Repubblika ta’ Malta, l-E.T. Dr. Ugo Mifsud Bonnici. Għal dan il-kunċert kien hemm mistednin distinti, fosthom il-President Onorarju tagħna, l-E.T. l-Kummissarju Għoli Ingliż Graham Archer u s-Sinjura tiegħu kif ukoll ħafna surmastrijiet famużi. Din kienet biċċa xogħol kbira kemm min-naħa amministrattiva kif ukoll dik finanzjarja għax ix-xogħol u l-ispiża kienet kbir mhux ħażin.
Nhar il-Ħadd, 8 ta’ Marzu 1998, f’Laqgħa Ġenerali Annwali nħatar unanimament President is-Sur Emanuel Busuttil Dougall sa Marzu tas-sena 2006.
Billi fil-bidu ta’ Settembru 1998 kienu saru f’Malta l-elezzjonijiet ġenerali l-Festa ta’ Missierna San Duminku kellha tiġi posposta għal-erba’ ġimgħat wara, il-Ħadd, 27 ta’ Settembru 1998. Dan seta’ jsir permezz tal-għaqda li teżisti bejn il-Kumitat tal-Każin, il-Pirjol u l-Komunità Dumnikana u l-Kumitat tal-Festi Esterni.
Waqt żjara li għamel Malta d-Duka ta’ York, il-ħamis, 1 ta’ Ottubru 1998, kienet saret wirja “The Royal Navy and Malta: 1798 to 1800” fil Musew Maritimu fil-Birgu. Għal din il-wirja kien mistiden il-President ta’ l-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own Emanuel Busuttil Dougall li fil-preżenza tal-President Onorarju l-E.T. Graham Archer il-Kummissarju Għoli Ingliż ipreżenta tifkira ta’ l-1900 meta l-Banda kien jisima Duke of York’s Own lid-Duka ta’ York il-Prinċep Andrew.
F’Ġunju 1999 saru Hatriet ta’ Presidenti Onorarji godda fi ħdan l-Għaqda tagħna. Dawn kienu, il-Kummissarju Għoli Ingliż il-ġdid, l-E.T. John Howard Pearce CVO, l-Onor. Dr. Lawrence Gonzi, l-Onor. s-Sur Joe Mizzi.
Fl-okkażjoni tat-Tielet Millennju, nhar il-Ħadd, 20 ta’ Frar 2000, l-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own tal-Birgu tellgħet programm Vokali u Strumentali. Dan sar fis-sala tal-Kulleġġ ta’ De La Salle taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta l-E. T. il-Prof. Guido de Marco.
Fl-okkażjoni ta’ għeluq il-100 sena mit-twelid tal-M.T. ir-Reġina Eliżabetta r-Reġina Omm, il-Banda Prince of Wales Own tal-Birgu, ġiet mistiedna mill-E.T. John Howard Pearce CVO Kummissarju Għoli Ingliż, biex iddoqq waqt Garden Party fir-residenza privata tiegħu f’Villa Degiorgo San Pawl tat-Tarġa, nhar il-ġimgħa, 4 ta’ Awissu 2000.
F’Diċembru 2000 ġie maħtur bħala President Onorarju ġdid l-E. T. Fra’ John Edward Critien il-Kavallier ta’ l-Ordni Sovran Militari ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, Rodi u Malta, residenti fil-Forti Sant Anġlu, il-Birgu.
Nhar is-Sibt, 12 ta’ Mejju 2001, l-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own tal-Birgu fakkret l-Għeluq il-Mitt Sena minn meta biddlet isimha minn Duke of York’s Own b-Wirja fil-Każin li kienet taħt il-Patrocinju u miftuħa mill-E.T. John Howard Pearce CVO Kummissarju Għoli Ingliż u President Onorarju . Il-programm beda b’marċ mill-istess Banda bl-istandarti tas-seba’ Baned li ħadu sehem minn ħdejn il-Kafe’ Riche sa quddiem il-Każin. Dawn il-Baned kienu: Il-Prince of Wales Own tal-Birgu, il-King’s Own tal-Belt, il-Queen’s Own ta’ Senglea, ir-Re Ġorġ V ta’ l-Imqabba, il-Queen Victoria taż-Żurieq, id-Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara u l-Imperiel tal-Mellieħa.
Meta l-Banda waslet ħdejn il-Każin wasal ukoll il-Kummissarju Għoli Ingliż kif ukoll mistednin distinti oħra fosthom il-Presidenti Onorarji l-oħra l-Onor. Dr. Lawrence Gonzi, l-Onor. Joe Mizzi u s-Sur Peter Campbell, is-Sindku u l-Kunsilliera, il-Komunitá Dumnikana, Membri Parlamentari, il-Kumitat tal-Festa flimkien ma’ dak taż-żgħażagħ Dumnikani, l-Arċipriet u Għaqdiet oħra.
Saru diskorsi mill-President ta’ l-Għaqda s-Sur Emanuel Busuttil Dougall, l-Onor. Dr. Lawrence Gonzi Viċi Prim Ministru kif ukoll mill-E.T. John Howard Pearce CVO Kummissarju Għoli Ingliż u President Onorarju fejn idikjara l-Wirja miftuħa li wara giet imbirka minn P. Frangisk Galea OP fl-assenza tal-Pirjol li kellu mpen ieħor.
L-Erbgħa, 16 ta’ Mejju attenda l-Onor. Alfred Sant Kap ta’ l-oppożizzjoni, preżenti kien hemm ukoll id-Deputati Laboristi tad-Distrett. Il-Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara għamlet marċ minn ħdejn il-Kafe’ Riche sa quddiem il-Każin Prince of Wales Own.
L-għada l-ħamis l-aħhar jum tal-Wirja attenda l-E.T. il-Profs. Guido de Marco President ta’ Malta.
It-Tlieta, 12 ta’ Ġunju komplejna bl-attivitajiet ta’ Għeluq il-Mitt Sena minn meta l-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own tal-Birgu biddlet isimha minn Duke of York’s Own, saret żjara mill-E.T. l-Profs. Guido de Marco President ta’ Malta u l-E.T. John Howard Pearce CVO Kummissarju Għoli Ingliż fil-Birgu. Il-Programm beda bill fl-10.00 a.m. meta l-E.T. John Howard Pearce CVO Kummissarju Għoli Ingliż wasal quddiem il-Każin fejn mal-President u l-Membri tal-Kumitat żaru l-Palaz ta’ l-Inkwiżitur.
Wara għat te fil-Każin fejn fil-11.45 a.m.wasal l-E.T. l-Profs. Guido de Marco President ta’ Malta fejn għamel żjara lill-Każin u wara lill-Kunvent u l-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata minn fejn bqajn sejrin fil-Knisja ta’ Sant Anna u l-Monasteru tas-Sorijiet Benedittini ta’ Klawsura ta’ Santa Skolastika. Wara kullhadd kien mistieden għal Pranzu mogħti mill-President Onorarju Fra’ John Edward Critien fil-Kastell Sant Anġlu. Wara l-Pranzu l-mistednien kienu mistiedna fuq il jott lussuż Alevok mill-President Onorarju Peter Campbell għal dawra mall Port il-Kbir.
Waqt Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ l-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own. ġie maħtur Direttur Spiritwali ġdid, il-Pirjol P. Frank Borg OP.
L-Erbgħa, 28 ta’ Awissu 2002, saret l-aħħar żjara fil-Każin mill-E.T. John Howard Pearce CVO Kummissarju Għoli Ingliż u President Onorarju qabel ħalla Malta biex immur Gvernatur fil-Falkland u bħala Kummissarju Għoli Ingliż għall South Georgia u South Sandwich. Huwa ġie miquħ mill-President, President Onorarju, Surmast u Membri tal-Kumitat. Fil-għaxija l-President u s-Segretarju tal-Każin flimkien mas-Sinjuri tagħhom attendew għal inawgurazzjoni ta’ White Hall Mension ta’ Xbiex bħala l-uffiċini l-ġodda tal-Kummissjoni Għolja Ingliża u riċeviment fl-okkiażjoni tat-tluq minn Malta tal-Kummissarju Għoli Ingliż John Howard Pearce.
It-Tnejn, 9 ta’ Settembru 2002, saret żjara fil-Każin mill-E.T. l-Isqof Dumnikan Walter Ebejer OP li jinsab fil-Brażil. Huwa ġie milquħ mill-President, President Onorarju Membri tal-Kumitat u l-Pirjo u l-Komunità Dumnikana tal-Birgu.
Il-Ħadd, 27 ta’ April 2003, kellna żjara oħra importanti fil-Każin tagħna, din kienet mill-E.T. Fra’ Andrew Bertie Gran Mastru ta’ l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann ta’ Rodi u Malta fl-okkażjoni ta’ l-orifiċenza bħala ċitadin onorarju tal-Birgu. Kien hemm jilqawħ il-Viċi President Anzjan u Membri tal-Kumitat. Mal-wasla tiegħu ndaqqet fanfara u wara flimkien mal-President Onorarju tagħna Fra’ John E. Cretien daħal fl-intrata tal-Każin biex jiffirma l-ktieb tal-viżitaturi.
Il-Ħadd, 28 Settembru 2003 fis-Sala ta’ l-Esibizzjonijiet f’Couvre Porte, l-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own bil-kolaborazzjoni tas-Sur u s-Sinjura Stivala saret Wirja ta’ Badges u Distintivi. Din il-Wirja ġiet inawgurata mill-President Onorarju l-E. T. Fra’ John Edward Critien u mbierka mid-Direttur Spiritwali l-Pirjol P. Frank Borg OP., b’introduzzjoni mill-President is-Sur Emanuel B. Dougall, is-Segretarju s-Sur J. C. Azzopardi. Fost il-mistednin distinti kien hemm il-Kummissarju Għoli Ingliż u President Onorarju l-E. T. Vincent Fean u s-Sinjura tiegħu, id-Deputat Kummissarju Għoli Ingliż u s-Sinjura Hillman, l-Onor. Membri Parlamentari Dr. Carm Mifsud Bonnici u Dr. Stefan Buontempo, il-Komunità Dumnikana fost nies distinti oħra.
Il-Ħadd, 21 ta’ Marzu 2004 saret żjara lill-Proġett tal-Każin minn Dr. Alfred Sant Kap tal-MLP u Kap ta’ l-Oppożizzjoni. Huwa kien akkumpanjat minn l-għola Uffiċjali tal-Partit u Membri Parlamentari. Kien hemm jilqawħ il-President u Membri tal-Kumitat fost nies oħra.
Il-ħamis, 29 ta’ Lulju 2004 eżatt xagħar bogħod mill-Festa, iċċelebrajna l-wasla ta’ l-istatwa artistika ta’ San Duminku lura fil-Każin. Kien xieraq ukoll li fil-proġett tal-Każin ninkorporaw l-istatwa ferm għażiża ta’ San Duminku Missierna u niċċa. Sar restawr ta’ l-istatwa kif ukoll ġiet irranġata n-niċċa biex San Duminku jkun jista jitgawda aħjar.Wara li kienet saret l-istatwa l-ġdida li għandna l-lum, il-Patrijiet fl-1991 li kien iċ-ċentinarju tal-Każin kienu rregalaw din l-istatwa sabiex titpoġġa f’post prominenti. Għalhekk kienet saret niċċa fil-faċċata tat-taraġ biex titgawda minn kulħadd. Wara saret ikla għal dawk preżenti.
Il-Ħadd, 22 ta’ Awissu 2004, sar ir-riċeviment tal-Festa ta’ Missierna San Duminku li min ħabba rikostruzzjoni sar fis-sala ta’ isfel tal-Każin. Fost il-mistednin attenda l-President Onorarju tagħna Dr. Lawrence Gonzi l-ewwel darba bħala Prim MInistru.
Għal-14 il-sena konsekuttiva l-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own organizzat lejla soċjali ta’ mużika u kultura ta’ żmien il-Milied għall-bandisti u allievi, qrabathom u ħbiebhom. Minn ħabba xogħol li qed issir fil-Każin bil-permess ġentili tal-Pirjol u l-Komunità Dumnikana din il-lejla saret fil-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata l-Birgu. Fost nies distinti attendew il-President Onorarju tagħna, L-Onor Prim Ministru u s-Sinjura Gonzi, l-Onor Joe Mizzi, l-E. T. Fra’ John Edward Critien, L-Aġent Kummissarju Għoli Ingliż u s-Sinjura Hilman, fost nies distinti oħra.
Għall-ewwel darba fil-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata nnżamet Lejla Funebri. Din is-Soltu kienet tkun quddiem il-Każin Prince of Wales Own. Wara suċċess li kellu l-kunċert li għamilna fil-Milied fi-Knisja l-Kumitat wara konsultazzjoni mal-Pirjol u l-Komunità Dumnikan deċieda li ssir fil-Knisja b’mod differenti. Saru żewg diskorsi qosra ghall-okkażjoni, wiehed mis-sur Tony Terribile, dwar it-Tradizzjonijiet Maltin fil-Jiem sbieħ Liturġici tal-Għid; u ieħor mill-Pirjol P.Frank Borg OP intitolat: Mill-mewt toħroġ il-Ħajja.
Nhar il-Ħadd, 29 ta’ Mejju 2005 saret żjara fil-Birgu mill-President ta’ Malta u s-Sinjura Fenech Adami fejn fost il-postijiet li żar il-President kien hemm il-Kunvent fejn ġie milqugħ mill-Pirjol u l-Komunità Dumnikana. Wara għmel żjara fil-Każin Prince of Wales Own fejn ġie milquħ mill-President u l-Membri tal-Kumitat fejn wara li iffirma l-ktieb tal-viżitaturi huwa tniżżel fill-Kantina Del Borgo għal naqra inbid tajba.
Is-Sibt, 25 ta’ Ġunju 2005, fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-Inkurunazzjoni tax-xbiha ta’ Marija Immakulata fuq il-Kwadru Titulari tal-Kolleġġjata ta’ Bormla. Il-Rev. Arċiprit u l-Kapitlu għoġbu jistieden lill-Banda tal-Birgu Prince of Wales Own. Biex bħal ma għamlet mitt sena ilu, kif ukoll ħamsin sena ilu u kif kull sena fit 8 ta’ Diċembru toħroġ lis-statwa tal-Kunċizzjoni bl-Ave Marija, hekk ukoll tagħmel għal dan iċ-ċentinarju. Il-Banda għamlet marċ u programm fuq il-planċir quddiem il-Każin San Ġorġ Bormla.
Il-ħamis, 21 ta’ Lullju 2005 sar il-ftuħ uffiċjali tal-Wine Bar Del Borgo mill-Prim Ministru u President Onorarju tagħna Dr Lawrence Gonzi. Preżenti: l-Presidenti Onorarji s-Sur Joe Mizzi u is-Sur Charlot Grima, IL-Ministru Dr Frances Zammit Dimech, Il-Kap ta’ l-oppożizzjoni Dr Alfred Sant, Il-Membri Parlamentari Dr. Carmelo Mifsud Bonnici, Dr. Stefan Buontempo u s-Sur Christ Agius, Il-Membri Parlamentari Europew is-Sur Joseph Muscat u Dr Simon Busuttil, Ms Janet Hancok Deputat Kumisarju Għoli Ingliż u l-Pirjol u l-Komunita Dumnikana fost ħafna mistednien distinti oħra.
Il-ħamis, 24 ta’ Novembru 2005, fl-okkażjoni taż-żjara uffiċjail f’Malta tal-Majesta Tagħha r-Reġina u l-Artezza Rjali Tiegħu d-Duka ta’ Edinburgh, il-Kmandant Uffiċjali ta’ HMS Illustrious il-Kaptan Robert Cooling RN stieden lill President u s-Sinjura tiegħu għar-Riċeviment fuq l-HMS Illustrious f’Pinto Wharf, Valletta fil-Preżentza tal-Majesta Tagħha u l-Artezza Rjali Tiegu.
Is-Sibt, 18 ta’ Frar 2006, L-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own bill-Kollaborazzjoni Komunità Dumnikana tal-Birgu. Ippreżentaw Akkademja Mużiko-Letterarja f’ġieħ il-Prof. Patri Andrew P. Vella OP. Patri Dumnikan, twield il-Birgu u eks-President Onorarju ta’ l-istess Għaqda fil-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata tal-Birgu. Il-Provinċjal tad-Dumnikani Patri Pawl Gatt OP ippresieda din l-Akkademja fost ħafna mistednin distinti.
F'Marzu tas-sena 2006, f’Laqgħa Ġenerali Annwali nħatar unanimament President ġdid is-Sur Lauro Abela u Kummitat ġdid ukoll.
Referenzi :
Arkivji ta’ l-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own tal-Birgu
Minuti tal-Kumitat ta’ l-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own tal-Birgu
Malta Tagħna
www.stdominic-vittoriosa.com