Fil-kalendarju universali tal-knisja, il-festa ta’ San Duminku tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Awissu, imma fil-kalendarju dumnikan, il-qaddis isirulu festi oħra per eżempju fl-24 ta’ Mejju issir it-tifkira tat-traslazzjoni tal-ġisem ta’ San Duminku f’Bolonja fl-1233.
|
L-istatwa tal-gebel ta' San Duminku, tħares l-isfel lejn triq il-Mina l-Kbira fis-sena 1877 |
Festa oħra li fl-imgħoddi kienet ferm devota hija dik tal-25 ta’ Settembru, bħala tifkira tal-mirakli li saru f’Soriano fil-Calabria bl-interċessjoni tiegħu. B’digriet tas-sagra kongregazzjoni tar-riti tas-7 ta’ April 1870, id-dumnikani tal-Lunzjata tal-Birgu kienu qalgħu l-permess li jiċċelebraw esternament il-festa ta’ San Duminku ta’ Soriano fit-tielet Ħadd ta’ Settembru. Għall-ewwel ħames snin il-festa kienet issir fil-knisja biss, imħejjija b’kollox solenni - tridu, traslazzjoni eċċ. Dan jidher ċar minn rikors magħmul lis-Santa Sede mill-kolleġġjata ta’ San Lawrenz f’Lulju 1880 fejn jingħad illi ‘’il convento va da cinque anni a questa parte agiungende all’esterno luminarie.........’’. L-ewwel darba li kien hemm il-ħsieb li ssir xi ħaġa barra kien fl-1875, sena li fija nħadem plancier ġdid tal-banda u kienet ser tinġieb banda, imma ma sar xejn minħabba l-mewt ta’ l-ex provincjal il-majjistru Patri Rafel Zahra li ġrat fl-istess kunvent fit-2 ta’ Settembru 1875.
|
L-istatwa ta' San Duminku u l-kolonna l-antika ta Giovanni Darmanin kif kienu jintrammaw fil-pjazza. Dawn iżżanżnu għall-festa ta' 1879. |
Għalhekk, kien fl-1876 li bdiet issir il-festa ta’ barra. F’dik is-sena tqegħdu żewġ riżuni bid-dawl ħdejn il-Lunzjata, wieħed f’kull ġenb tat-triq bi stilla fin-nofs, ġew imżejna bit-trofej u żdiedet il-mixegħla tat-toroq ta’ qrib il-kunvent u anke sar logħob tan-nar fil-pjazza, fuq is-sur tal-kurdara u fuq il-kampnar. Ħdejn l-għassa tal-pulizija daqqet il-banda tal-Belt taħt is-surmast Borġ u fuq is-sur daqqet ta’ l-Isla immexxija mis-surmast Scolaro. Kienu ġew arrestati xi persuni li riedu jfixklu l-festa. L-Ispejjeż kollha laħqu s-somma ta’ £34. 11s. 2d, li kienu jinkludu il-mużika ta’ ġewwa u ta’ barra, it-tiżjin tat-toroq, il-logħob tan-nar, riċevimenti u trasport. Mal-medda taż-żmien, il-festa bdiet issir b’pompa dejjem aqwa u l-armar beda jiżdied kull sena. Hekk fl-1877 mal-bieb tal-knisja żżanżnu l-istatwi ta’ San Tumas u San Vincenz, maħduma minn Giovanni Darmanin. F’dik is-sena stess, fit-3 ta’ Awissu ġiet inawgurata l-istatwa tal-ġebel ta’ San Duminku li tpoġġiet f’niċċa li kienet fis-sur ħdejn Couvre Porte, tħares l-isfel lejn triq il-Mina l-Kbira.
|
Parti mill-pjazza u in-nizla tax-xatt fis-sena 1881, meta f'Malta kienet għadda ma daħliex is-sistema elettrika. Fost l-armar jidhru il-pilandri bil-lampi tal-gass |
Din saret mill-iskultur rabti Anton Busuttil. Fl-1879 ġiet armata għall-ewwel darba fil-pjazza l-kolonna bl-istatwa ta’ San Duminku, disinn u xogħol Giovanni Darmanin u li bdiet tiġi mtella’ b’dimostrazzjoni. Is-sena ta’ wara, din il-kolonna ġiet armata ftit aktar l-isfel, billi l-post ta’ qabel, issa kien okkupat mill-kolonna u l-istatwa tal-ġebel ta’ San Lawrenz, li saret fit-28 ta’ Lulju 1880 bi spejjeż tal-kanonku Rafel Patiniott. Fl-1881 saru t-trofej tal-pjazza u ta’ diversi toroq li l-iskrizzjoni tagħhom għamilha Patri Mark Dumink Burzio.
|
Triq il-mina il-kbira armata, fejn tidher sewwa il-kuruna |
Hekk il-festa baqgħet issir għal 19-il sena, sakemm fil-31 ta’ Lulju 1895 l-isqof Pietru Pace laqa’ t-talba tal-patrijiet biex jibdew jagħmlu purċissjoni bl-istatwa ta’ San Duminku. Din l-aħbar ġabet ferħ kbir fost d-dumnikani; l-għada li waslet, giet mill-Belt il-Banda ‘ta’ indri’ u daqqet quddiem il-kunvent, u għalxejn il-pirjol P. Ġużepp Falzon għamel kemm seta’ biex iwarrab n-nies biex ma ssir l-ebda dimostrazzjoni. Fit-2 ta’ Awissu, il-banda Duke of York’s own (illum Prince of Wales Own) marret il-Belt biex tagħmel dimostrazzjoni lill-isqof u l-pitgħada il-banda Duke of Edinburgh (illum San Lawrenz) telgħet b’marċ sa quddiem il-kunvent, fejn ġiet milqugħa b’ferh minn ta’ l-istilla. Il-pirjol daħħal il-banda il-kunvent u għamel diskors ta’ okkażjoni. Wara kullħadd kien mistieden għal riċeviment fil-każin ‘ta’ fuq’. Fil-5 ta’ Settembru, il-provinċjal, P. Vinċenz Schembri, bagħat ittra lill-kapitlu ta’ San Lawrenz biex jistedinhom jiffunzjonaw huma fil-għasar u jmexxu l-purċissjoni li kienet ser issir għall-ewwel darba, iżda din l-istedina ma ġietx aċċettata.
|
L-istatwa ta’ San Duminku, maħduma minn Vinċenzo Cremona |
Jumejn qabel ma beda t-tridu, waslet minn tas-Sliema statwa ġdida ta’ San Duminku, maħduma minn Vinċenzo Cremona , li ġiet imtella’ bil-banda mix-xatt sal-knisja. Il-banda Duke of Edinburgh ġiet mistiedna biex tagħmel żewġ programmi u aċċettat, u kollox kien imħejji biex issir il-purċissjoni, meta f’daqqa waħda, il-festa kellha tiġi sospiża minhabba l-mewt ta’ l-ex provinċjal P. Ġjaċint Vassallo li ġrat għall-għarrieda dak in-nhar stess tal-festa fl-4.30 a.m. Il-purċissjoni, għalhekk, ħarġet għall-ewwel darba fl-1896, u bdiet tgħaddi minn dawn t-toroq : triq il-Mina il-kbira għall-pjazza, triq San Filippu, triq Santa Skolastika, triq Bittanika (illum Ħilda Tabone), triq il-kwartier għall l-armerija. Fuq is-sur tal-kurdara (triq it-Torri San Ġwann), tinżel mill-Imġarraf (telgħat il-Mina l-kbira) għax-xatt, quddiem il-knisja ta’ San Lawrenz, titla’ t-telgħa tax-xatt (triq Nestu Laiviera) għall-pjazza u lura lejn il-knisja.
Fl-1914, kemm minħabba l-ewwel ġwerra kbira, kif ukoll minħabba il-mewt tal-Papa Piju X, ma sar l-ebda tiżjin fit-toroq u ma ħadux sehem baned u l-purċissjoni saret bit-talba tar-rużarju. Hekk reġa’ ġara fl-1919 bħala ġieħ lill-mejtin tal-ġwerra. L-aħħar darba li l-festa saret f'Settembru kien fl-1921. Is-sena ta’ wara, saru festi kbar u solenni f’Ġunju u Lulju biex ifakkru s-seba’ ċentinarju mill-mewt ta’ San Duminku. Kif wieħed kien jistenna għal din l-okkażjoni saru bosta opri artistiċi, fosthom l-14-il anġlu tal-pilandri għall-pjazza, ħafna drapp ġdid kif ukoll kien inġieb armar tal-liedna tal-karti u nar specjali mill-Ġermanja. Mill-1923 ‘il-quddiem, il-festa bdiet issir fl-aħħar Hadd t’Awissu.
|
Triq il-Mina l-Kbira u l-marċ ta' filgħodu f'1920 |
Il-faċċata tal-knisja l-antika bl-istatwi ta' Darmanin, armati quddiemha, fis-snin għoxrin |
Sena oħra importanti għall-festa dumnikana kienet l-1934, meta reġgħu saru festi specjali, din d-darba fl-okkazjoni tas-700 sena mill-kanoniżazzjoni tal-qaddis. Għal dawn iċ-ċelebrazjonijiet kienu saru għall-ewwel darba f’Malta sett pavaljuni li ntramaw fit-triq tal-knisja. Magħhom kienu saru ukoll il-bandalori pariġġ li fihom kien hemm impittra qaddisin dumnikani.
Fil-pendenti tal-pavaljuni kienu jidhru emblemi ta’ diversi provinċji. Id-disinn tad-drapp kien sar minn Ġużeppi Zammit (iż-żużu), waqt li dak tas-sopraporti sar mis-surmast Ġużeppi Caruana (Marċjoll).
|
L-armar ta' fuq is-sur tal-kurdara qabel it-tieni gwerra |
|
Statwa ta' omm San Duminku Govanna t'Aza ma' San Duminku. Statwa ta' Darmanin li ntilfet waqt il-gwerra. |
Il-festa kellha tinqata’ wara l-1939 minħabba t-tieni ġwerra dinija li matulha d-dumnikani tal-birgu tilfu ħafna mil-opri li kellhom u li kienu jżejnu il knisja u l-kunvent tagħhom. Kien waqt l-attakk fuq l-‘illoustrious’ tad-19 ta’ Jannar 1941 meta il-knisja u l-kunvent intlaqtu mill-bombi ġermaniżi. Il-festa, tista’ tgħid tilfet kollox, u l-ftit li ġie salvat kellu ħsarat kbar. Parti mill-patrijiet kellhom imorru fi Fleur de Lys sas-7 ta’ Frar 1945, meta il-bqija tal-komunita’ reġgħet ingħaqdet mal-kumplament li kienu nizlu l-Birgu fit-18 ta Diċembru 1942. F’dan iż-żmien, il-ftit armar li kien baqa’ ġie merfugħ, parti fil-kantina tal-kazin tal-banda Prince of Wales Own u parti fil-pjan terran tal-palazz ta’ l-Inkwizitur, bil-konsegwenza li l-umdita’ kompliet żiedet mal-ħsara li kien diġa’ kellu. Mill-1943 sa l-1947 il-festa ġiet iċċelebrata fuq ġewwa biss, fil-palazz ta’ l-Inkwizitur, għax il-kapitlu tal-kunvent kien iddecieda li sakemm terġa’ titla il-Lunzjata l-ġdida, ma kellhomx jagħmlu l-ebda purċissjoni. Minkejja dan, fit- 28 ta’, Awissu 1948, ġiet inawgurata n-niċċa l ġdida ta San Duminku tal-ġebel, li issa saret eżatt biswit Couvre Porte fi triq Boffa, u dak n-nhar, għall-ewwel darba wara l-gwerra daqqet il-banda Prince of Wales Own u reġgħu instemgħu jidwu l-kant melodjuz tal-Kalaroga u n-noti brijuzi ta’ l-innu marċ.
Fl-1949, wara t-translazzjoni, lejlet il-festa, sar marċ mill-banda Prince of Wales Own u wara programm mużikali fuq il-pjanċier li kien tlesta aposta għal din l-okkażjoni, u l-Hadd, nhar il-festa, sar marċ u programm mill-banda San Gejtanu tal-Hamrun. Fl-1950 rega’ beda jsir xi tiżjin tat-toroq bil-pavaljuni l-antiki u trofej, u xi anġli tal-pilandri, li kienu ġew restawrati, li ntramaw fi triq il-Mina l-kbira. Fuq s-sur intramaw uħud mill-istatwi li qabel il-ġwerra kienu l-pjazza. Dik is-sena ukoll saru marċi u programmi mill-baned Prince of Wales Own u San Gejtanu. Fl-1951 rega’, sar kollox bħas-sena ta’ qabel, bid-differenza li kompla jigi restawrat l-armar imkisser u allura komplew żdiedu t-toroq imżejna. Ġara, li fit-2 ta’ Ottubru 1951, l-arċisqof Mikiel Gonzi, f’ċirkolari, ried li fl-ewwel Ħadd ta’ l-istess xahar toħrog il-purċissjoni tar-rużarju fl-ibliet u l-irħula kollha. Għal dan l-ordni , id-dumnikani tal-Birgu kellhom ibiddlu d-deċiżjoni tagħhom u bi pjacir kbir tagħhom u tar-rużarjanti ħargu għall-ewwel darba il-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna u San Duminku mill-knisja provizorja fil-palazz ta’ Inkwizitur, fl-14 ta’ Ottubru (għax l-ewwel Hadd għamlet ix-xita). Din il-ħaġa ħolqot preċedent mhux mistenni, imma mixtieq għall-purċissjoni ta’ San Duminku f’Awissu 1952, li reġgħet bdiet issir fost l-entużjażmu tan-nies wara tlettax il-sena li kienet ilha li waqfet.
Tnejn mis-sett ta' disa pavaljuni ġodda bil-pittura li kienu juru episodji mill-ħajja tal-qaddis missierna li saru għal ħabta tal-ħamsinijiet |
|
L-istatwa ta’ San Duminku u l-kolonna ġdida armata għall-ewwel darba fi triq it-torri San Gwann għall-festa ta' l-1957 |
L-armar bil-mod il-mod beda jiġi sostitwit, tant li għal triq il-Mina l-kbira saru disa pavaljuni ġodda bil-pittura li kienu juru episodji mill-ħajja tal-qaddis missierna. Fl-1957 iżżanżnet il-kolonna l-kbira ta’ San Duminku magħmula fuq l-istess disinn tal-kolonna l-antika. L-istatwa majestuża ta’ San Duminku, kopja fidila ukoll ta’ l-oriġinali kienet saret xi snin qabel u kien ħallas għaliha Patist Costantino. Naturalment, minn dik is-sena beda jsir il-marċ tal-ġimgħa akkumpanjat bl-istatwa sa fuq il-kolonna, li issa bdiet tintrama fi triq it-Torri San-Ġwann, jew kif kien jissejjaħ fl-antik fuq is-sur tal-kurdara, ‘in-naħa ta fejn hemm l-Armerija. Dak in-nhar kien inqala’ l-ġlied u anke ġew arrestati xi nies.
|
Il-kolonna il-kbira ġiet miżbugħa u ndurata. bdiet tintrama fit-triq tal-knisja, ħdejn il-każin fis-sena 1960 |
Fis-sentejn ta’ wara, 1958 u 1959, tista tgħid sar kollox l-istess, iżda bdiet tieħu sehem ukoll il-banda San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar. Imma jekk l-1922 u l-1934 kienu snin importanti għall-festa dumnikana tal-Birgu, żgur li l-1960 kellha tidħol fil-ġrajja glorjuża tad-duminkani Vittorjożani. Fl-20 ta’ Awissu 1960 wara dsattax-il sena, ‘il-knisja tal-Lunzjata reġgħet fetħet il-bibien tagħha. Knisja ġdida, arjuża u kompluta b’kollox. Min jista’ jfisser il-ferħ tal-partitarji numerużi dumnikani f’dawk il-jiem? Kif kien mistenni saru festi specjali u sar ħafna xogħol, biex din l-okkażjoni unika tibqa mfakkra. Minkejja d-diffikultajiet kbar, it-toroq tar-rotot tal-marċijiet u l-purċissjoni ddawwlu kollha bil-festun u l-karti ħodor bħala liedna magħhom, gew irranġati sitta mill-puttini li fil-knisja l-antika kienu mal-kolonni tal-korsija u tpoġġew maz-zuntier tal-knisja l-ġdida, ġew restawrati aktar mill-istatwi tal-qaddisin għal fuq is-sur u anke saru xi kolonni ġodda pariġġ dawk salvati mill-gwerra. Dik is-sena ukoll ġiet miżbugħa u ndurata l-kolonna l-kbira, kif kienet l-antika, u minn dak iż-żmien bdiet tintrama fit-triq tal-knisja, ħdejn il-każin. Fil-festi ħadu sehem il-baned San Gejtanu tal-Ħamrun, San Ġorġ ta’ Bormla, La Stella tal-Gudja u King’s Own tal-belt u naturalment daqqet għal diversi drabi il-banda Prince of Wales Own.
Hekk kien jidher li l-maltemp għadda u kulħadd ser jibda jirsisti biex il-knisja u l-festa jerġgħu jkunu fost l-isbaħ u l-aħjar, kif kienu qabel il-gwerra. Ġara’ iżda li fis-snin sittin faqqgħet il-kwistjoni politiko-reliġjuża, li damet sejra għal diversi snin u b’hekk naqqset ħafna mir-ritmu mixtieq għat-tkabbir tal-festa. Barra minn hekk, fl-istess żmien mal-pajjiz kollu bdiet tinħass ċerta bruda għall-festi miż-żgħażagħ u ħafna nies kienu jemmnu li l-festi kien għadda żmienhom. Iżda wara li għadda l-maltemp u l-mentalita’ bdiet tinbidel, kollox reġa’ għan-normal, id-dumnikani reġgħu intefgħu għax-xoghol. Fi żmien relattivament qasir, barra li rnexxielhom ilibbsu l-knisja tal-Lunzjata bl-isbaħ armar, żejjnu lill-belthom bl-aqwa tiżjin, li ma jagħmilx għajb lil dak li kien ntilef fil-gwerra. Sena li fiha ngħatat spinta lill-festa, kienet l-1978, meta tfakkar l-450 sena mill-miġja tad-dumnikani fil-Birgu. L-entużjażmu li xxettel f’dik is-sena baqa’ jinħass sew u ħalla ħafna frott.
Fl-1980 saru pavaljuni u bandalori ġodda għat-triq tal-knisja, u ftit ftit bdew jiżżejjnu bid-drapp toroq li qabel kien ikollhom biss festuni. Fl-1987 inbeda x-xogħol fuq l-armar ta’ quddiem il-knisja u iżżanżnu l-ewwel żewġ statwi maz-zuntier, xoghol Micheal Camilleri Cauchi, li wara kompla ukoll is-sett ta’ qaddisin dumnikani għat-triq prinċipali. Naturalment, dawn l-istatwi kien jinħtiġilhom il-kolonni li saru fuq stil tassew oriġinali li nħadmu mill-membri tal-kumitat tal-festa, sfortunatament dan is-sett sal-lum għadu mhux komplut, iżda kif jaf kulħadd, dan żgur mhux tort tal-kumitat, li min-naħa tiegħu qed jagħmel minn kollox biex dan il-proġett hekk kbir ikun komplut.
L-armar ta’ quddiem il-knisja li jinkludi 5 statwi u 4 pilandri b'koloni ghalijhom, u żewg trofej majestuzi u originali kompluti bil-bandalori u bnadar. |
L-ewwel żewġ statwi li żżanżnu maz-zuntier ta' Papa Onarju II u Papa Innocenzu III, xogħol ta' Micheal Camilleri Cauchi fis-sena 1987 |
Tnejn mis-sett ta’ qaddisin dumnikani tat-triq l-mina l-kbira. Dan is-sett huwa xogħol ta' Micheal Camilleri Cauchi. |
F’dawn l-aħħar snin, il-kumitat qatt ma ħares lura, tant li fl-1988, fuq l-għola sur tal-Birgu ttellgħa l-arblu l-kbir, attrazzjoni kbira fil-festa tagħna mhux biss mal-ġurnata, iżda anke mixgħul fil-għaxija li jagħti dehra vera sabiħa ta’ dominnaza flimkien mall-koppla tal-knisja u l-kampnar.
|
Ir-ritratt tax-xellug tidher l-istatwa majestuża ta’ San Duminku ta’ Darmanin li regat bdiet tintrama fil-pjazza f'i991 u fuq in-naħa tal-lemin tidher l-istatwa ġdida ta’ San Duminku maħduma minn għawdxi Micheal Camilleri Cauchi. |
Fl-1991 il-kumitat ħass li kien wasal iż-żmien li l-istatwa maestuża ta’ San Duminku ta’ Darmanin terġa’ tmur lura f’postha, jiġifieri fil-pjazza, għalhekk, ġiet ordnata statwa oħra ta’ San Duminku maħduma minn għawdxi Micheal Camilleri Cauchi għall-marċ tal-ġimgħa, waqt li l-membri tal-kumitat meddew għonqhom għax-xogħol tal-kolonna l-ġdida għall-pjazza.
Fl-1996 u fl-1997 saru t-tnax il-bandalora tad-dawl għal-triq it-Torri San Ġwann, waqt li fl-1995 sar l-armar tant sabieħ ta’ man-niċċa ta’ San Duminku tal-ġebel fi Triq Boffa. Fl-1997 ukoll rega’ inbidel id-drapp kollu tat-triq tal-knisja, u llum nistgħu ngħidu bla tlaqlieq li minkejja ċ-ċokon tal-partit ta’ l-istilla’, il-festa dumnikana ġewwa ‘l-Birgu hija fost l-aqwa f’dak li hu armar, ta’ drapp u njam, ċelebrazzjonijiet, briju u dak kollu li jagħmel festa tipikament maltija. Dan tant hu minnu li fis-sena 2000 inbeda l-proġett ambizzjuz tat-trofej tal-pjazza li huwa kważi lest, dan l-armar, barra x-xogħol fid-drapp u l-injam tal-kolonni jinkludi ukoll il-festun tal-bozoz mdawwar madwar il-pjazza kollha.
Waħda mis-sett ta' tnax iil-bandalora tad-dawl għal-triq it-Torri San Ġwann |
F'1995 sar l-armar quddiem in-nicca ta' San Duminku tal-ġebel fi triq Boffa |
Tnejn min sett ta' għaxar trofej tal-pjazza. Haġa li tispika min dan t-trofej hija li għandhom sett ta bnadar differenti. Żgur li bħal ħafna armar tagħna din hija originali u unika f'pajjizna |
Dan l-entużjażmu ma kienx rifless f’dak li hu armar biss, iżda anke f’ċelebrazjonijiet. Dan kollu kien dovut billi fis-snin li semmejna beda dieħel element aktar żagħżugħ kemm fil-kumitat tal-festa kif ukoll f’dak tal-każin tal-banda tagħna.
Hekk naraw li fil-bidu tas-snin tmenin, is-sibt lejlet il-festa, gie introdott il-programm mużikali mill-banda tagħna Prince of Wales Own, li ha post il-bżonn li jkun hemm żewġ baned. Dan beda jinkludi biċċiet ta’ mużika magħżula mill-arkivji tal-każin, kif ukoll aranġamenti mużikali aktar moderni li l-poplu numeruz li jattendi ta’ kull sena, flimken ma mistidinien distinti, jilqgħu u japprezza b’applawsi kbar. F’dik il-ħabta ukoll, il-Ħadd żdiedet banda oħra ukoll, kif għadha sal-lum. Matul dan il-perjodu, l-istess element ried li jerga’ jibda jsir il-marċ ta’ fil-għodu, li kien għadu qatt ma sar minn qabel il-gwerra. Din il-proposta ma kienetx giet aċċettata mill-kumitat tal-festa għar-raġuni li kien hemm prijoritajiet oħra. Minflok għal xi snin il-ġimgħa, fl-aħħar tat-tridu, kienu jieħdu sehem żewġ baned. Fl-aħħar tas-snin tmenin beda jsir ikoll il-marċ ta’ l-aħħar bl-inżul ta’ l-istatwa ta’ San Duminku tal-kolonna.
|
Fl-1991 reġa’ beda jsir il-marċ ta’ fil-għodu u għadu sal-lum (ritratt tax-xellug - 1991) (ritratt tal-lemin - 2005) |
Kien fl-1991, fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tal-banda, li reġa’ beda jsir il-marċ ta’ fil-għodu. Dan għall-ewwel ftit snin kien isir il-Ħadd, wara l-quddiesa kantata, iżda mill-1996 ‘l-hawn beda jsir is-sibt, kif kien isir fl-antik. F’dik is-sena ċentinarja (1991) il-banda Prince of Wales Own bdiet tagħmel il-marċ tal-ħamis, waqt attivita’ soċjali, wara l-kunċert ġenerali. Għall-ewwel snin, kien isir fl-inħawi tal-knisja u l-każin, izda maż-żmien beda jsir minn banda barranija.
Kif diġa għidna fattur importanti għal dawn iż-żjidiet kien l-entużjażmu taż-żgħażagħ li wassal biex fl-1994 twaffet uffiċjalment "L-għaqda Żgħażagħ Dumnikani", li kienet u għadha strumentali fl-organiżżazjoni ta’ ħafna attivitajiet b’risq il-festa dumnikana.
Dan kollu hu fil-qosor, il-ġrajja glorjuża tal-festa dumnikana tal-Birgu. Festa li matul is-snin twal li ilha teżisti, dejjem żammet rabta intima mal-prinċipji u l-għeruq tagħha – il-komunita tal-patrijiet dumnikani u l-knisja tal-Lunzjata. Festa li meta wasal iż-żmien u twaqqfet l-għaqda mużikali tagħha hadmet id f’id magħha, u minkejja li ż-żmienijiet mhux dejjem kienu sbieħ, dejjem għarfet timxi maċ-ċirkostanzi b’għaqal kbir. Festa li minkejja kull attentat, hija parti importanti u integrali fil-kalendarju annwali tal-belt rebbieħa. Ghalhekk ninsabu kburin, għax għandna tassew biex inkunu kburin, u mhux għax mimlijin bina nfusna. Fl-ebda żmien, il-festa tagħna ma ċċappset b’episodji li jħammrulha wiċċha u jġagħluha tistħi. Il-lum minkejja li ż-żmienijiet mgħaġġla qed jagħmluha aktar difficli għall-volontarjat, dan zgur li mhux ha jaqta’ qalb id-dirigenti preżenti. Dawn għandhom l-eżempji tal-prediċessuri tagħhom li minkejja kull ostaklu u oppożizzjoni dejjem ħarġu aktar b’saħħithom u aktar qawwija. Anzi jemmnu li aktar ma tkun kbira l-isfida, aktar tkun kbira r-rebħa.
Għalhekk, fil-preżent nistgħu ngħidu b’rasna mgħollija quddiem Malta kollha – VIVA L-PARTIT IŻ-ŻGĦIR U L-FESTA KBIRA.
![]() |
www.stdominic-vittoriosa.com