Sakemm inbniet il-belt Valletta kien hemm pika kbira bejn l-Imdina u il-Birgu. Din ir-rivalita’ ma kienitx teżisti fil-kamp ċivili biss, imma ukoll f’dak reliġjuż.
Fl-Imdina u s-subborg tagħha, ir-Rabat, ġa’ kien hemm kunventi ta’ diversi ordnijiet reliġjużi, iżda fil-Birgu le. Għalhekk, in-nies tal-Birgu, b’mod partikulari il-fratelli tal-Lunzjata, ‘għall-unur tal-belt’ riedu jagħtu l-kappella tal-Lunzjata lill-patrijiet dumnikani, biex ma ġenbha jibnu l-kunvent tagħhom. Id-Dumnikani tar-Rabat aċċettaw l-offerta bl-atti pubbliċi tan-nutar Pietro d’ Alaimo tat-12 ta’ Ottubru 1527, iżda ma niżlux il-Birgu qabel l-4 ta’ Frar 1528, meta patri Indri de Gaudisio, patri Ġwann Maniuni u Patri Ljun d’Armenia ħadu l-pussess tal-knisja u kantaw id-‘Te Deum’ flimkien ma l-aqwa nies tal-Birgu. Dak in-nhar il-kappillan tal-Birgu, Dun Filippu de Guevara sejjaħ din l-għotja bħala ‘ġieh għall-Birgu u ta’ fejda għan-nies li jgħammru fih’. Ftit żmien wara, eżattament fil-25 ta’ Mejju 1530, l-istess kappillan reġa’ wettaq u approva l-kuntratt li kien sar fl-1527. Din il-konferma saret ukoll b’att notarili ta’ l-istess Pietro d’Alaimo.
|
L-istatwa ta' San Kalogero, erimita, miqjuma fil-Knisja tal-Lunzjata sa mis-sena 1606 u il-lum il-gurnata jinsab fil-kuvent tad-dumnikani fil-Birgu |
Il-knisja tal-Lunzjata mogħtija lill-patrijiet dumnikani kienet mingħajr arkati u kolonni, bla kor u bla presbiterju, kellha bieb żgħir prinċipali u ieħor mal-ġenb, li kien jagħti għal spazju vojt. Is-saqaf kien ta’ l-injam u l-artali kienu mqegħda wieħed maġenb l-ieħor.
|
L-Arma tal- Mons. Pietru Dusina |
Billi fl-1530 waslu Malta l-kavallieri ta’ San Ġwann, il-vigarju ġenerali Dun Konsalvo Conciur ftiehem magħhom li jagħtihom għall-użu tagħhom bħala knisja konventwali l-parroċċa ta’ San Lawrenz, u bla ma ta’ każ xejn tad-digrieti li saru qabel, Conciur qabad u ta’ lil Dun Fillippu de Guevara l-knisja tal-Lunzjata bħala l-parroċċa tiegħu. Dan xejn ma għoġob lill-kappillan, għalhekk talab lis-suċċessur ta’ Conciur, Dun Ġakbu Raficano biex il-knisja tal-Lunzjata tkun u tibqa’ tad-Dumnikani. Il-Vigarju laqa’ t-talba xierqa tal-kappillan u ħareġ digriet ieħor li bih reġa’ wettaq, approva u ried li jseħħu l-kuntratti li saru qabel dwar l-għoti tal-Lunzjata lill-patrijiet. Kif wieħed jista’ jinnota, il-kappillan de Guevara kien jaqbel ħafna mal-patrijiet, għalhekk seta’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu mill-knisja tagħhom mingħajr ebda diffikulta’, iżda is-suċċessur tiegħu, Dun Antón Mangion, ġieb ruħu mal-patrijiet b’mod wisq differenti. Ġara li f’April 1532, inħarqet il-knisja ta’ San Lawrenz, u din il-ħaġa ħassbet ħafna lill-patrijiet u n-nies tal-Birgu. L-aġir deplorevoli tal-Vigarju Konsalvo Conciur kien għadu frisk f’moħħhom. Għalhekk, biex ma jerġax jinqala’ xi tilwim fuq l-għoti tal-Lunzjata lid-Dumnikani, fit-18 ta’ Novembru1532 reġgħu għamlu kuntratt ieħor għand in-nutar Ġorġ Buttigieg.
Is-suspetti li kellhom il-patrijiet u n-nies tal-Birgu, l-aktar il-fratelli tal-Lunzjata, ma kienux fiergħa, għax fl-1542, Il-kappillan Mangion ressaq il-kwistjoni tal-knisja quddiem il-kurja, iżda tilifha u fl-1547 irriżenja u minfloku laħaq Dun Antón Vassallo bħala kappillan.
|
Patri Mattew Rispoli |
Mal-kappillan Vassallo wara ħafna inkwiet, il-patrijiet għamlu ftehim li hu għandu jmur fil-knisja ta’ San Lawrenz malli din tingħata lura mill-ordni tal-kavallieri. Dan il-ftehim kellu l-konferma mis-Santa Sede, anzi din ziedet li kappillan għandu jmur lura f’ San Lawrenz, anke jekk hu jkun ta’ fehma oħra. Dan il-fatt seħħ ftit żmien wara l-viżta pastorali ta’ Mons. Pietru Dusina fl-1575, li ordna minkejja l-iskużi kollha li bdew jinġiebu mill-kappillan, li għandhom jiġu onorati il-kuntratti u d-digrieti kollha li għidu ċar li l-knisja tal-Lunzjata hija tad-dumnikani.
|
L-artal ta' San Duminku ta' Soriano, fil-knisja tal-Luzjata, il-Birgu |
Fl-1636, il-majjistru Patri Mattew Rispoli laħaq Vigarju provinċjali tad-dumnikani f’Malta. Dan billi aktar qabel, fl-1618 kien pirjol tal-kunvent tal-Birgu, dejjem kellu x-xewqa li jibni mill-ġdid fi stil korintu l-knisja, mingħajr ma jeqred dak li kien hemm artistiku fiha.
L-ewwel ġebla ta’ din il-knisja ġiet imbierka mill-inkwiżitur Fabio Ghigi, isqof ta’ Nardo, li wara sar Papa Alessandru VII, id-data tat-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla mhix magħrufa, iżda bejn l-1636 u l-1660, il-patrijiet irċevew diversi offerti għal dan il-għan minn ħafna nies magħrufa, fosthom il-Granmastri Lascaris u De Redin, l-isqof Fabio Ghigi u l-inkwiżitur Gio Batta Gori.Il-knisja l-ġdida tbierket mill-isqof Mons.Balaguer lejlet il-festa ta’ San Duminku, fit-3 ta’ Awissu 1657.
Skond Akille Ferris, din inbniet fuq il-pjanta tal-katidral l-antik ta’ l-lmdina.L-ewwel storiku Malti Gian Franġisk Abela jiddiskriviha bħala ‘sabiħa ħafna u mgħammra b’kappelli mogħmija b’fundazzjonijiet imħollija mill-ogħla nies tal-Birgu’.
Il-Knisja tal-Lunzjata armata ghal Festa lejn l-ahhar tas-seklu dsatax |
Il-Kampnar storiku tal-knisja tal-Luzjata |
Il-Knisja tal-Lunzjata armata ghal Festa fl-1907 |
|
Il-pittura tas-saqaf, li kienet tul il-korsija kollha u tirrapreżenta l-glorja ta’ San Duminku, xogħol ta’ Lażżru Pisani |
Il-pittura grandjuża tas-saqaf, li kienet tul il-korsija kollha u tirrapreżenta l-glorja ta’ San Duminku, li fil-ġnub tagħha kien hemm episodji mill-ħajja tal-qaddis, kienet xogħol kbir ta’ Lażżru Pisani. Il-pittura tas-saqaf taż-żewġ kappelluni, kif ukoll dik tal-ġnub tal-gallarija ta’ l-orgni li kienu jirrappreżentaw lill-profeta David u ‘l-Santa Ċeċilja kienu kapulavuri ta’ Ġużeppi Cali’, u jingħad li kien għamilhom bi sfida għax ma tawħx is-saqaf tal-korsija.
Taħt il-gallarija ta’ l-orgni li kienet imprezzabbli, kien hemm 2 altorelievi ta’ l-istukko tal-prefeti Geremija u Izaija ta’ Francesco Sciortino. Dan kollu apparti ħafna xogħolijiet ta’ skultura u induratura fil-ġebel u fl-irħam kif ukoll fl-injam speċjalment fil-perspettiva u l-arzella tal-kor, kif ukoll fil-kappella tar-rużarju, fl-artali ta’ San Piju V u ta’ San Pietru. Kwadru ieħor ta’ importanza kbira, għalkemm żgħir fid-daqs kien dak tal-Madonna tal-kandlora, li kien fuq l-artal ta’ San Duminku. Din kienet xbieha ta’ stil biżantin li turi l-Madonna tredda’ lill-Bambin. Din kienet meqjuma fil-kastell Sant’ Anġlu qabel waslu l-kavallieri, wara ttieħdet fl-ewwel knisja ta’ San Lawrenz u fil-1530 ġiet imtella’ fil-Lunzjata.
|
It-tberik ta l-ewwel gebla tal-kopla l-antika nhar 12 ta’ Gunju 1924 |
It-tqejid ta’ salib fuq l-kopla tal-knisja l-antika nhar 28 ta’ Dicembru 1924 |
Iżda sabiħa u artistika kemm kienet il-Lunzjata, sa l-1925 kienet għadha bla koppla, Din tant kienet mixtieqa li tlestiet f’seba’ xhur u tbierket mill-Isqof Anġlu Portelli f’Awissu 1925. Għaxar snin wara, il-patrijiet taw ix-xogħol tal-pittura tagħha lill-pittur magħruf Taljan Ġio. Battista Conti. Kienet turi mirakli li jikkonfermaw id-divinita’ ta’ Kristu. Izda gara li il-Pittura, id-dekorazzjoni bl-isukko u l-induratura tal-Koppla kienu ghaddhom ma tlestew; izda b'soghba ta' kulhadd dawn inqerdu qabel ma twieldu.
|
Il-Knisja tal-Luzjata armata bid-damask iswed u t-tubru fin-nofs il-korsija f'okkajoni tal-mewt tal-Papa piju XI, li grat fl-10 ta' Frar 1939. |
Kien il-Ħadd, 19 ta’ Jannar 1941. meta l-ajruplani Ġermaniżi, waqt wieħed mill-aktar attakki ħarxa fuq l-‘Illustrious’, laqtu parti mill-kunvent u l-oratorju tar-rużarjanti u l-parti tal-kor tal-knisja. Il-komunita’ tal-Birgu, li kienet tikkonsisti f’ 16-il patri u 4 frajiet, kontra qalbhom, kellhom iħallu l-kunvent u jitilgħu r-Rabat u f’dar mislufa lilhom f’ Fleur de Lys. Madankollu, il-patrijiet qatt ma fallew li jinżlu l-Birgu mill-inqas darbtejn kuljum: ħadu f’idejhom it-tagħlim ta’ l-iskola tal-gvern u jittamaw li tieqaf il-gwerra biex tissewwa l-ħsara li saret lill-kunvent u jerġgħu jinżlu jgħammru fih.
F’dawk iż-żminijiet imwegħra, kemm xi patrijiet kif ukoll uħud mill-lajċi midħla tal-knisja, b’sogru kbir għall-ħajjithom, kienu jidħlu regolarment fil-bini tal-knisja u tal-kunvent nofshom mġarrfa, biex minn qalb it-tifrik jippruvaw isalvaw dak kollu li jistgħu mill-opri sbieħ li kienu jżejnu l-Lunzjata u jeħduhom f’post aktar sigur fil-kunvent tar-Rabat. Bis-saħħa ta’ dawn in nies li llum għadna nistgħu ngawdu uħud mill-armar tant prestiġġjuz li kienu kapaċi jagħmlu ta’ qabilna b’turija ta’ mħabbithom lejn din il-knisja dumnikana. Iżda nhar is-sibt, 4 ta’ April 1942, il-kunvent u l-knisja reġgħu intlaqtu u din id-darba saru ħerba sħiħa.
|
It-tubru armat fil-kappella provizorja fil-Palazz ta l-Inkizitur fl-okkazjoni tal-mewt ta’ Papa Piju XII |
Hekk iddeskriva din ir-rovina l-kronista tal-kunvent fiż-żmien imsemmi, Patri Ugo Callus: “u hekk illum minflok il-kunvent u l-knisja glorjużi tal-Lunzjata hemm borġ għoli ta’ ġebel imwaqqa’, mazkal u trabijiet, dehra li tassew issewwidlek qalbek. Iżda fuq it-tigrif tal-kunvent u l-knisja meqruda mis-sisien tagħhom, għad jitilgħu oħrajn………. Id-dumnikani tas-seklu għoxrin ma jaslu qatt biex jagħmlu għajb lil ħuthom ta’ qabilhom”.
|
Il-statwa ta’ Santa Katerina ta’ Siena armata fil-Palazz ta’ l-Inkizitur fl-okkazjoni tal-mewt tal-Papa Piju XI |
U tassew hekk kien, għalkemm bil-komunita’ maqsuma, parti fi Fleur de Lys u oħra l-Birgu, fejn dejjem baqa’ xi ħadd, fid-29 ta’ Novembru 1944 fl-laqgħa tal-kunsill immexxija mill-pirjol patri Alfons Spiteri ġie deċiż li tintbagħat talba lill-gvern biex mill-aktar fis jerġa’ jibni l-Lunzjata. Fis-7 ta’ Frar 1945, il-patrijiet li kien hemm fi Fleur de Lys niżlu l-Birgu u bdew joqgħodu fid-dar Nru. 5 Triq Il-Ġdida (illum Paċifiku Scicluna), filwaqt li dawk li baqgħu l-Birgu ma ċċaqlqux mill-palazz ta’ I-Inkwiżitur. Fl- 4 ta’ Jannar 1952 Il-patrijiet kollha marru fil-palazz, u aktar komplew jaqdu spiritwalment lin-nies mill-kappella proviżorja li għamlu fis-swali tal-palazz u baqgħu hemm sakemm tlesta l-kunvent il-ġdid. Kienu diversi r-raġunijiet li minħabba fihom il-Lunzjata damet ma bdiet tinbena. Il-periti tal-gvern kienu ddeċidew li t-triq, minn ħdejn il-każin tal-banda Prince of Wales Own sal-pjazza, kellha titwessa’, u għalhekk il-faċċata tal-knisja u l-kunvent il-ġodda kellhom jitilgħu aktar lura milli kienu; u linja sa fejn kellha titwessa’ t-triq damet ħafna ma ngħatat.
Raġuni oħra kienet li mill-knisja u l-kunvent, kien għad baqa’ weqfin il-ħajt tal-faċċati u biċċa mill-ħajt li jifred il-knisja mill-kunvent, kif ukoll, l-aktar importanti, il-kampnar qadim u storiku li baqa’ sħiħ. Il-kummissjoni tal-‘war damage’ u dik tal-belle arti ma ftehmux bejniethom dwar jekk il-kampnar kellux jibqa’ f’ postu jew le. Ġara iżda, li fl-4 ta’ Ottubru 1951 għamlet xita qawwija tant li mill-ħitan weqfin mill-knisja bdew jaqgħu xi ġebel, hekk li l-periti tal-gvern iddeċidew li għandu jsir it-twaqqiegħ ta’ dak li kien baqa’ mill-knisja u l-kunvent. Din id-deċiżjoni kienet xabla taqta’ minn żewġ naħat, għax għalkemm il-patrijiet u d-dumnikani tal-Birgu riedu t-tneħħija tal-kampnar, ħalli jibnu l-knisja u l-kunvent, minn naħa l-oħra x-xewqa tagħhom kienet li jinżamm il-ġebel tiegħu, kif għall-ewwel beda jsir, ħalli wara, l-istess kampnar jerga’ jitla’ aktar’ il-ġewwa. Min dan kollu ma sar xejn, u b’hekk nistgħu ngħidu li mhux biss id-dumnikani tal-Birgu iżda Malta kollha tilfet ġojjell kbir ta’ l-arti.
It-tielet raġuni kienet li fil-kunsill tal-provinċja dumnikana kien hemm min ried li parti mill-flus mogħtija mill-gvern biex tinbena l-knisja l-ġdida jmorru għall-bini ta’ knisja oħra fi Gwardamanġia. Naturalment, la l-patrijiet u l-anqas in-nies tal-Birgu ma qablu ma din il-Proposta, aktar u aktar għax beda jissemma ukoll il-ħsieb li kien hemm min ried li l-Lunzjata l-ġdida titla’ barra mill-Birgu, fil-post magħruf bħala il-Fortini. Għalhekk fis-16 ta’ Lulju 1945 tlaqqa’ l-kunsill tal-kunvent u bagħat ittra qawwija ta’ protesta lill-kunsill tal-provinċja, iżda meta dan ta’ l-aħħar induna bir-rieda qawwija tal-patrijiet kif ukoll tan-nies, speċjalment ir-rużarjanti, irtira l-proposti tiegħu.
Ix-xogħol tat-twaqqiegħ baqa’ sejjer sa l-1952 u fl-aħħar, fit-3 ta’ Marzu, il-periti tal-gvern iffissaw il-linji tal-bini l-ġdid. Fi żmien qasir inbeda x-xogħol fuq il-bini tal-kunvent li tlesta fi ftit aktar minn sentejn. Malli l-patrijiet marru jgħammru fih, il-ħidma tagħhom immexxija mill-prijuri patri Pietru Pawl Bajada u patri Rużar Spiteri inxteħet għall-bini tal-knisja. Il-jum tant mistenni minn kulħadd kien il-Ħadd, 27 ta’ Marzu 1955, meta tbierket u tqegħdet l-ewwel ġebla tal-Lunzjata l-ġdida mill-Arċisqof Mikiel Ġonżi. Il-pjanti tagħha saru mill-perit Edwin England Sant Fournier waqt li l-bennejja kienu Pietru Farrugia u Ġużeppi Borg.
Għaddew kważi ħames snin u nofs biex il-bini tal-knisja tela’ u tlesta minn kollox u kif jgħidu li l-istorja tirrepeti ruħha. Għax jekk in-nies tal-Birgu fl-1806 ħadmu u stinkaw biex flimkien mal-patrijiet jirrestawraw il-Lunzjata, żgur li l-Vittorojożani tal-ħamsinijiet ma baqgħux lura biex jagħmlu l-istess. Kemm kellu raġun patri Ugo Callus jikteb fil-ġuljana tal-kunvent li “d-dumnikani tas-seklu għoxrin ma jistgħu qatt jagħmlu għajb lil ħuthom ta’ qabilhom”!
F’dawk is-snin, speċjalment fl-1958, fl-1959 u fl-ewwel xhur ta’ l-1960, kulħadd, patrijiet u lajċi saħansitra anke nisa u tfal, intefa’ b’ruħu u ġismu jaħdem u jagħmel dak kollu li kien hemm bżonn. Min jagħmel xogħol fl-injam jirrestawra opri li ġew salvati min taħt it-tiġrif, oħrajn jfasslu, iħitu jew isewwu damask u drapp ieħor, min jagħmel xogħol ta’ ħadid u landa, uħud issenslu l-kristall mill-fdal tal-linef l-antiki, min imdendel mas-slielem jew jiġri fuq iċ-ċinta għolja tal-knisja, min inaddaf il-fided li parti minnhom kienu ilhom ma jintużaw ħafna snin, l-irġiel iġorru r-ramel bil-krieret u jqandlu l-irħam tal-paviment u l-artali u elf ħaġ’ oħra. Kulħadd b’għan wieħed, dak li jaraw il-Lunzjata miftuħa mill-ġdid.
Il-knisja l-ġdida tista’ tgħid għandha l-istess tul fil-korsija u l-presbiterju ta’ l-antika, għax dak li intilef mit-twessiegħ tat-triq tnaqqas mill-kor li issa tilef ftit mill-qies li kellu fl-antika, it-telf ta’ dan, intrebaħ fil-għoli, għax tal-lum fiha s-sekond’ ordni, li l-qadima ma kellhiex. Żdiedu ukoll is-sitt koppletti ta’ fuq l-artali tan-navi. Dawn, naturalment, ma tħallsux mill-flus tal-‘war damage’ imma bil-ħidma tal-patrijiet u l-lajċi. Sabiħ ħafna huwa x-xogħol ta’ l-irħam kemm fl-artali, kollha pariġġ, kif ukoll fil-paviment. L-istess jista’ jingħad għax-xogħol ta’ l-injam ta’ l-aperturi u s-sagristija.
|
L-statwa ta’ San Duminku fuq l-prespiterju nhar t-22 ta’ Awissu 1960, wara li gie trasportat solennement flimkien mal-madonna tar-Ruzarju ghal knisja l-gdida. |
|
L-ewwel quddisa f’knisja l-gdida iccelebrata min Patri Serafin Zarb |
Fl-aħħar, il-jum tant mixtieq wasal. Kien is-sibt. 20 ta’ Awissu 1960, meta l-provinċjal patri Serafin Zarb, fi żmien il-prijorat ta’ patri Klement Abela, bierek u fetaħ solennement il-knisja tal-Lunzjata l-ġdida. Ħafna stennew li din, meta tinfetaħ, ser tkun aktarx għerja, għalhekk bosta stagħġbu meta raw knisja bit-tużell, xi damask, 2 linef, lampieri fl-artali kollha, bil-brazzi mal-kolonni tal-korsija u fiż-żewġ kappelel, twapet, Via Sagra, l-artali bil-gandlieri u xi wħud minnhom anke bil-fjuretti, kif ukoll kullimkien bil-vent’ artali u t-trieħi irrakkmati. Kien jonqos l-orgni u l-pittura ta’ l-artali ta’ taħt in-navi. Il-pittura tal-kwadru titulari hija xogħol sabiħ ħafna ta’ Emvin Cremona ‘veru ġojjell ….. pittura tassew majestatika fil-bilanċ tad-dawl u fl-espressjoni artistika tagħha’. Ta’ l-istess artist huwa l-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju, dawk tal-kappelluni ta’ San Duminku u San Vinċenz huma ta’ Ġanni Vella. Fuq l-artal tal-kappella tad-duluri tqiegħed il-kurċifiss li jintuża fil-funzjoni tal-ġimgħa l-kbira ta’ Wistin Camilleri.
Kif kien xieraq u mistenni, saru festi kbar u dinjitużi li fihom ħadu sehem l-ogħla awtoritajiet, fuq firxa ta’ aktar minn ġimgħa. Matul dawn il-ġranet, bir-raġun kollu, id-dumikani tal-Birgu kienu litteralment fis-seba’ sema. Araw bl-liema ġmiel ta’ versi il-poeta, kronista tal-kunvent ta’ dak iż-żmien, Valentin V. Barbara, fisser l-entużjażmu u l-ferħ bla qies ta’ dawk il-ġranet tant memorabbli fl-istorja glorjuża tat-tempju għażiż tagħhom :
X’ jimporta li ġġarrfet il-ġebla Għalhekk telgħet ġdida l-Lunzjata U laqgħet darb’oħra fi ħdanha Oh, Salve għażiża Lunzjata! Lil-Birgu, lil Bormla, lill-Isla, Imkenna mill-mant ta’ Marija, |
|
L-Provincjal Patri Serafin M Zarb qed ibirek l-knisja min gewwa nhar l-20 ta’ Awissu 1960 |
|
L-Arcisqof Mikiel Gonzi qed jkonsagra l-knisja u l-artal magur f’3 ta’ Dicembru 1960 |
Għalkemm il-knisja tbierket u nfetħet f’ Awissu 1960, ma ġietx ikkonsagrata dak in-nhar stess, kif tniżżel fil-programm. Dan sar minħabba li l-arċisqof Mikiel Ġonżi kien ma jiflaħx, u hu stess ma ried jiddelega lil ħadd, għax xtaq li l-knisja li trabba fiha jikkonsagraha hu stess.
Kien it-3 ta’ Diċembru 1960, meta Mons. Ġonżi ikkonsagra solennement il-knisja, l-artal maġġur u l-artali tal-kappelluni(San Duminku u San Vinċenz).
Meta beda għaddej iż-żmien, il-knisja komplet tiżżejjen aktar. Hekk, per eżempju fi żmien qasir saru il-kwadri ta’ l-artali tan-navi, dawk ta’ San Piju V, San Tumas t’Aquino u Santa Roża ta’ Lima huma xogħol ta’ Rafel Bonnici Cali’, waqt li l-oħrajn, ta’ San Ġużepp, Santa Katarina ta’ Siena u San Pietru ta’ Verona huma xogħol Ġanni Vella. Ta’ Rafel Bonnici Cali’ ukoll huma ż-żewġ kwadri laterali u ta’ Sant’ Anna u San Ġwakkin tal-kor. Fl-istess perjodu sar l-injam tal-kor, kif ukoll il-pulptu ta’ l-irħam. Hekk, il-Lunzjata l-ġdida saret aktar sabiħa u attrezzata b’dak kollu bżonjuz għal matul is-sena u għall-festi li jsiru matulha.
Kien propju f’dawk iż-żminijiet li beda jinħass il-bżonn li l-Lunzjata tkompli tilbes il-libsa tal-festa. Hawnhekk nerġgħu naraw lill-patrijiet u l-lajċi Vittorjozani jintefgħu għax-xogħol. Beda jinħit damask ġdid flok l-antik, u fi żmien qasir, il-knisja kollha inksit bih. Saru mhux inqas minn 3 settijiet ta’ linef, iżżanżan il-vent’ artal tal-fidda għall-artal tad-Duluri, saru fjokki ġodda għall-linef u għall-lampieri kollha. Inħadmu diversi settijiet ta’ fjuretti tal-ganutell għall-artali kważi kollha u għall-brazzi tal-korsija u ta’ l-artal maġġur, inbidlu t-twapet ta’ l-artali kollha u bosta affarijiet oħrajn, tant li llum il-ġurnata nistgħu ngħidu li l-knisja fil-ġranet tal-festa tkun vera ġenna. Opra kbira, li kien ilu jinħass il-bżonn tagħha li qed issir bħalissa, hi l-gallerija ta’ l-orgni, u jekk il-knisja l-antika kienet issaħħar lil kulħadd bl-opri artista kbar li kellha, il-Lunzjata tal-lum żgur li ma tagħmiliex għajb bil-ġmiel ta’ armar sabiħ u addattat li jżejjinha fi żmien il-festa ta’ missierna San Duminku.
Fil-qosor kemm jista’ jkun, dawn kienu l-ġrajjiet ewlenin li sawwru l-istorja tant glorjuża tal-knisja tal-Lunzjata tal-Birgu. Hemm ħafna aktar wieħed x’iżid dwar dak li ġara mill-1960 sal-lum, iżda mhux prudenti għalissa li nsemmu ċerti ġrajjiet fid-dettal. Iżda l-istorja hija storja u ma jista’ jbiddilha ħadd. Ngħidu biss li bejn nofs is-snin sittin u l-bidu tat-tmeninijiet, kien hemm min ma bediex jara b’lenti sabiħa l-Lunzjata u ttanta jnaqqas mill-prestiġju, l-importanza u l-privileġġi li sa minn dejjem gawdiet, mhux biss minn nies tal-Birgu, imma anke tal-madwar. Iżda bħalma ġara fi żmien il-vigarju ġenerali Conciur u l-kappillani Manġion u Vassallo, il-knisja dumnikana tal-Birgu dejjem ħarġet rebbieħa u rebbieħa bl-unuri. Anke fi żmien aktar riċenti, tfaċċaw nies li b’xi skuża jew oħra ippruvaw imissu dak li bħala knisja dumnikana hu tagħha bi dritt, iżda din id-darba ukoll, bħal fi żmien Mons. Duzina, dawn kellhom iwettqu u jonoraw id-digrieti favur il-knisja tal-Lunzjata, anke jekk kienu ta’ fehma oħra. Tant hu hekk li sal-lum, minkejja kollox u kull attentat biex inaqqsulha unurha, għadha tiċċelebra b’solennita’ kbira l-akbar żewġ devozzonijiet li għandha r-reliġjon nisranija – l-Ewkaristija u r-rużarju.
Żgur li din l-istorja tgħallimna li fejn hemm il-għaqda hemm is-saħħa, fejn hemm ir-rieda soda hemm is-soluzzjoni, fejn hemm l-idejali u l-prinċipji hemm il-fatti. Vera hija ġrajja mimlija avvenimenti mqanqla ta’ ferħ u tiġrib, ta’ glorja u ta’ niket, iżda hija storja ukoll ta’ tempju monumentali, li minkejja l-kurrenti kontrih u dak li ingħad fuqu, id-dumnikani tal-Birgu qatt ma riedu titli u privileġġi għalih apparti dawk tagħhom. U minn dawn kellhom u għad għandhom biżżejjed u kuntenti bihom biss.
Din hija sensiela twila ta’ ġrajjiet, imsaħħa b’fatti innegabbli u dokumenti awtentiċi li ħadd ma jista’ jmerihom; mhux sempliċi stejjer fittizji, bla bażi u leġġendi fiergħa. Il-knisja dumnikana tal-Birgu, matul is-sekli li ilhna mwaqqfa, ġrajjietha baqgħu nodfa, bla mittiefsa u mingħajr għajb. U dan ma jistax jonqos, għax dan it-tempju hu mkenni mill-mant ħelu u safi ta’ Marija u mħares b’qawwa setgħana u qatt megħluba ta’ Duminku ta’ Gużman, li bl-interċessjoni tat-talb tagħhom dejjem kien immexxi mill-ulied għaqlin ta’ l-ordni tal-predikaturi li b’ħila kbira, mgħejuna mill-vittorjożani, amminstrawħ u ddefendewħ fiċ-ċirkostanzi kollha li nqalgħu matul iż-żminijiet kollha.
Hekk kienu, għadhom u jibqgħu jittamaw u jemmnu d-dumnikani tal-Birgu. U hekk hu
www.stdominic-vittoriosa.com